Il-Qorti tal-Appell Superjuri, qablet mal-pożizzjoni tal-Gvern u ċaħdet it-talba li saret minn Steward Healthcare Malta biex issir referenza preliminari lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, qabel ikun ttrattat u determinat l-appell li għamlet mis-sentenza tal-Qorti Maltija.
Fl-istess waqt, il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, appuntat l-appell għat-trattazzjoni tal-partijiet għall-wieħed u tletin ta’ Lulju.
Il-kumpanija Steward Healthcare Malta kienet appellat mis-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, li kienet ħassret u annullat il-ftehim b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
Il-Qorti tal-Appell Superjuri ddegredat disa’ rikorsi marbutin mal-Appell li kien tressaq minn Steward Healthcare Malta, minn sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, li kienet ħassret u annullat il-ftehim b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
Ewlieni fost id-digrieti mogħtija mill-Qorti, hemm dak marbut mat-talba li saret minn Steward u li kienet oġġezzjonata bil-qawwa kollha mill-Gvern Malti, biex issir referenza preliminari għall-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-Qorti tal-Appell Superjuri qablet mal-pożizzjoni tal-Gvern Malti u kkonkludiet li ma tqisx id-deċizjoni fuq il-mistoqsijiet li saru minn Steward fir-rikors, kienu neċessarji biex tasal għal deċizjoni dwar dan l-Appell.
L-istess kif kien miċħud rikors ippreżentat minn Steward biex jingħataw iċ-ċans li jagħmlu kontro-replika.
F’digrieti oħrajn, il-Qorti ma laqgħetx it-talbiet li saru mill-partijiet biex ikunu ppreżentati aktar dokumentazzjonijiet u sfilzat dokumenti li Steward ippreżentat abbużivament.
Fl-istess waqt laqgħet limitatament talba minn kumpanija distinta Steward Health Care International, ibbażata fi Spanja, bil-għan li jiġi stabbilit l-interess tagħhom f’dawn il-proċeduri.
Il-Qorti tal-Appell Superjuri appuntat l-appelli għas-smigħ biex tisma’ s-sottomissjonijiet bil-fomm mill-partijiet għall-wieħed u tletin ta’ Lulju, fejn il-partijiet ingħataw nofs siegħa kull wieħed biex jittrattaw il-każ.
Apparti l-appell quddiem il-Qorti Maltija, hemm ukoll arbitraġġ internazzjonali quddiem il-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali, fejn il-Gvern diġà rebaħ, inkluż bl-ispejjeż, arbitraġġ internazzjonali ta’ emerġenza li tressaq mill-grupp ta’ kumpaniji ta’ Steward.