Riforma tal-qbiela, li għamel il-Gvern, kienet kruċjali biex familja ta’ bdiewa li dejjem kienet taħdem l-għelieqi f’Burmarrad ma spiċċatx żgombrata.
F’deċiżjoni, li ta l-Imħallef Ian Spiteri Bailey fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ġiet miċħuda t-talba ta’ Mark Gaffarena li ried lil familja Briffa titlaq minn art li fuqha kellha t-titlu tal-qbiela għas-somma ta’ ftit inqas minn mitejn ewro fis-sena.
Skont il-fatti ddikjarati fis-sentenza, Gaffarena kien konxjament jaf li qed jixtri art li kienet bi qbiela u hu xtraha għas-somma ta’ ftit inqas minn sebgħin elf ewro meta skont stima minn perit tekniku, il-valur tal-art kien jiżboq il-miljun ewro.
Gaffarena argumenta li l-familja Briffa ma taħdimx l-art u li r-razzett mal-għelieqi kien żdingat, iżda mbagħad qal li hu qatt ma daħal ġewwa u ra b’għajnejh.
Briffa argumentaw li huma dejjem għexu fuq l-art maħduma li anke dwarha xehed Malcom Borg mill-Għaqda Bdiewa Attivi u kkonferma li mar fis-sajf u ra l-art tinħadem b’mod intensiv.
Ingħad li Briffa dejjem ħadmu ta’ bdiewa tant li jkabbru l-prodotti u jbigħuhom fil-Pitkalija.
Meta l-Qorti ġiet biex taqta’ l-każ ġiet innotata t-talba ta’ Gaffarena li qal li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu biex igawdi b’mod xieraq mill-art li xtara, iżda hawn il-Qorti ċanfritu u fakkret kif hu xtara l-proprjetà bi prezz li hu biss 6% tal-valur proprja.
Fil-kuntest li Gaffarena fetaħ anke l-kawża mhux kontra biss Briffa, iżda anki kontra l-Avukat tal-Istat, fejn is-sid fittex il-Gvern għal kumpens, l-Imħallef sostna li quddiem prezz irħis mixtri ta’ art li kien jaf li kienet bi qbiela, allura Gaffarena ma ġarrabx xi ksur fid-drittijiet tiegħu, u wisq inqas hu intitolat għall-kumpens mill-istat.
Il-Qorti nnotat li, minn mindu nfetħet il-kawża, il-Gvern għadda emendi importanti bħala parti mir-riforma tal-qbiela u li poġġew ukoll lil sid il-kera f’qagħda aħjar minn dik li kienet qabel.
Dan għaliex hemm kirja aktar ġusta ma’ sid l-art.
Il-Qorti ċanfret u kkundannat ukoll dak li sejħet bħala aġir ta’ cowboy hekk kif Briffa kienu sostnew li kienu qed jiġu mhedda biex jiżgombraw irwieħhom.
L-Imħallef ċaħdet it-talbiet ta’ sid l-art u ordnatlu jħallas l-ispejjeż kollha, inkluż ta’ Briffa.