Il-Qorti ċaħdet kawża tal-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Pawlu Borg Olivier li fetaħ kontra l-Prim Ministru, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Brigadier tal-Armata Clinton O’Neill, għal dak li deherlu li l-Armata ma salvatx immigranti li kienu fuq il-baħar.
Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Lawrence Mintoff innota kif Borg Olivier kien qal li qed jidher għal madwar ħamsin immigrant iżda mkien ma ġab prova valida li qed jidher għalihom u li huma tawh il-prokura biex jitkellem għalihom fil-Qorti.
Intqal li l-ebda prova valida ma ġiet esebita u xejjen għal kollox l-iskużi ta’ Borg Olivier.
Il-Qorti qalet li dak li ppreżenta Borg Olivier, jiġifieri li suppost juri li qed jitkellem għall-immigranti, kien fih diversi nuqqasijiet fosthom li ma kienx hemm prokura bil-lingwa li jitkellmu biha l-immigranti u tradotti għal Malti minn traduttur ċertifikat.
Saħansitra Borg Olivier ressaq dak li qal li kienu prokuri mhux mal-ewwel iżda wara li fetaħ il-proċeduri kontra l-Gvern u l-armata.
Pawlu Borg Olivier anki bħala avukat tal-għaqda Repubblika flimkien ma’ Jason Azzopardi kienu anki fetħu kwerela kontra s-suldati tal-Forzi Armati, l-Prim Ministru u l-Brigadier.
Borg Olivier u Azzopardi kienu akkużaw bi qtil ta’ immigranti, akkuża li setgħet titfa’ lill-Prim Ministru, il-Ministru għall-Intern, il-Brigadier u s-suldati involuti f’operazzjoni ta’ salvataġġ, għal għomorhom il-ħabs.
Fuq il-każ kienet infetħet inkjesta maġisterjali li ma sabet xejn minn dak li akkużaw biha Borg Olivier u Azzopardi.
Borg Olivier lanqas kien aċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta u kien infexx jattakkaha wara li din qalet ċar u tond li d-denunzja li fetaħ fosthom Borg Olivier ma kien fiha l-ebda provi mressqa.