Il-Qorti ċaħdet talba li mar jagħmel il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech nhar it-Tlieta li għadda, biex tinstema’ b’urġenza kawza li ħabbar b’tant pompa li se jagħmlu waqt maratona ġbir ta’ fondi.
Nhar it-Tlieta Bernard Grech ħareġ mill-Qorti jattakka lill-Avukat tal-Istat fuq il-kwistjoni tal-isptarijiet, li dwarhom il-Gvern ilu għal dawn l-aħħar xhur f’Arbitraġġ Internazzjonali u diġà rebaħ żewġ istanzi bl-ispejjeż kontra Steward Healthcare, fi proċeduri li fihom il-Gvern bl-assistenza tal-istess Avukat tal-Istat qed ifittex lil din il-kumpanija.
F’deċiżjoni li ta llum fil-Prim’Awla Ċivili, l-Imħallef Giovanni Grixti ċaħad it-talbiet ta’ Bernard Grech u l-eks Kap Adrian Delia li talba li l-każ tagħhom ikun mismugħ b’urġenza.
Il-Qorti bl-aktar mod ċar qalet li mhijiex taqbel magħhom li hemm din l-urġenza allegata mill-Kap Nazzjonalista u anke ċanfrithom talli naqsu li jispjegaw għaliex kienu qed jitolbu din l-urġenza.
Il-Qorti rrimarkat ukoll kif dawn naqsu anke proċeduralment, hekk kif ma segwewx il-proċeduri stabiliti fil-liġi.
L-Imħallef irrimarka wkoll li kien hemm distinzjoni serja bejn it-talbiet li qed isiru f’din il-kawża.
Din hija pożizzjoni li tirrifletti r-risposta b’saħħitha li daħħal l-Avukat tal-Istat kontra t-talba li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn bi kliem iebes qal li Bernard Grech u Adrian Delia kienu qed jippruvaw jiżgwidaw strateġikament lill-Qorti.
Dwar din il-kawza partiġġjana li fetaħ Bernard Grech, rreaġixxa l-Partit Laburista, li nnota kif Bernard Grech qed jipprova jżomm lilu nnifsu relevanti.
Intqal li biex jagħmel dan, Grech bl-aktar mod qarrieqi u populist kien anke dispost jieħu ġurament falz u jiżgwida b’mod strateġiku lill-Qorti.