Il-Qorti ċaħdet ilment ta’ Pulizija li tkeċċa’ mill-Korp wara li kien instab ħati ta’ miżapproprijazzjoni ta’ flus.
Francois Zammit fetaħ din il-kawża fil-Qorti kontra l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, l-Avukat tal-Istat u l-Prim Ministru hekk kif tkeċċa mill-Korp wara tnax -il sena bħala kuntistabbli.
Din il-kawża nfetħet hekk kif intqal li dan ma kellux opportunità biex jiddefendi lilu nnifsu quddiem l-istess Kummissjoni.
Dan hekk kif fl-elfejn u tmienja huwa nstab ħati ta’ miżapproprijazzjoni ta’ flus, fejn ingħata sentenza ta’ għaxar xhur ħabs sospiża għal sena.
Wara dan, huwa appella l-każ, liema appell ġie miċħud, u wara rċieva ittra mill-Kummissarju tal-Pulizija li nfurmah li dan tkeċċa.
Fil-Qorti, l-Imħallef Francesco Depasquale sostna li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku żbaljat meta ma tatx opportunità lil Zammit wara sabiex iressaq is-sottomissjonijiet tiegħu qabel tkeċċa.
Minkejja dan, il-Qorti ddeċidiet li s-sentenza li ngħatat mill-Qorti kellha tiġi rispettata.