Il-Qorti ċaħdet bosta mill-eċċezzjonijiet li Erin Tanti talab li jinbidlu jew jitneħħew fl-akkużi tiegħu għall-ġuri fil-każ tal-mewt ta’ Lisa Maria Zahra.
Fl-ilment tiegħu, Tanti – ta’ sitta u għoxrin sena – jsostni fost l-oħrajn li fl-akkużi kontrieh, l-Avukat Ġenerali ddrammatizza l-każ. Il-Qorti kellha opinjoni differenti minn Tanti, hekk kif ċaħdet bosta mill-eċċezzjonijiet u ħalliethom f’idejn il-ġurati biex jiġġudikaw.
Il-każ imur lura għal-lejl ta’ bejn it-tmintax u d-dsatax ta’ Marzu elfejn u erbatax.
Erin Tanti hu akkużat fost l-oħrajn bl-omiċidju tat-tfajla ta’ ħmistax-il sena, u li ġegħla jew għenha toqtol ruħha b’idejha, kif ukoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha meta hi kienet persuna vulnerabbli, u li kellu materjal indiċenti ta’ persuna taħt l-età.
L-Att tal-Akkuża mill-Avukat Ġenerali jiddeskrivi f’dettall dak li hu mifhum li seħħ f’dan il-każ. Jispjega fost oħrajn kif it-tfajla kienet għaddejja minn mument diffiċli f’ħajjitha, u minkejja dan, Tanti – li kien l-għalliem tagħha – beda relazzjoni sesswali magħha.
Tinnota wkoll kif minbarra l-asprina u l-whiskey, Tanti, dakinhar tal-ġrajja tal-mewt tat-tfajla fl-irdum ta’ Ħad-Dingli, kellu miegħu flus, ċekkijiet, u l-passaport tiegħu.
Innutat ukoll li fil-mowbajl tat-tfajla instabu ritratti tagħha mingħajr ħwejjeġ, u f’uħud l-akkużat jidher f’riflessjoni f’mera li kien hu li qed joħodhom.
Fl-eċċezzjonijiet tiegħu, irrapportati b’detall fl-Orizzont, Tanti ilmenta li l-Att tal-Akkuża jiddrammatizza dak li seħħ, u li hemm ineżattezza li tirriżulta mill-kumpliazzjoni.
Il-Qorti Kriminali nnutat li l-Att tal-Akkuża ma jorbotx lill-ġurati, u allura ma jġibx in-nullità tal-istes Att tal-Akkuża. Dwar l-ineżattezza però ingħata raġun, għaliex eżami tossikoloġiku juri kif it-tfajla ma kkunsmatx alkoħol, u għaldaqstant dak biss għandu jitneħħa mill-att tal-akkuża.