Il-proġett tas-Central Link jista’ jibqa’ miexi kif pjanat wara li l-Qorti tal-Appell ċaħdet appell minn grupp ta’ organizzazzjonijiet u ftit individwi kontra t-twettiq tiegħu.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ħ’Attard, waħda mil-lokalitajiet li se jibbenefikaw minn dan il-proġett, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-Gvern u l-Infrastruttura Malta kkumbattew ma’ ħafna rwiefen sabiex jassiguraw l-approvazzjoni ta’ dan il-proġett li ilu fuq l-ixkaffa minn żmien il-Prim Ministru Borg Olivier.
Il-Ministru Borg stqarr: “Dejjem kien hemm reżistenza għalih. Dejjem kien hemm tkarkir tas-saqajn. Aħna ser inwettquh. Ser inwettquh għax in-nies qegħdin magħna u n-nies trid dan il-proġett. Hemm bżonnu.”
Il-Ministru Borg innota li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-appell issegwi erba’ deċiżjonijiet oħra favur it-twettiq ta’ dan il-proġett fosthom mill-Awtorità tal-Ippjar, mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ippjanar u mill-Kummissjoni Ewropea.
L-Onor. Borg sostna: “Konferma oħra li l-Awtorità tal-Ippjanar li dak iż-żmien kont politikament responsabbli tagħha imxiet b’mod korrett waqt li ddeċidiet fuq applikazzjonijiet minn Infrastructure Malta.”
Saħaq li l-Gvern u Infrastruttura Malta kellhom raġun li bdew dan il-proġett b’investiment ta’ €55 miljun ewro. Fl-istess waqt innota b’sodisfazzjoni stħarriġ li wera żieda fl-appoġġ mill-pubbliku.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi qal li l-mira tal-Gvern hi li l-proġett jitlesta fi żmien sena u nofs. Huwa qal: “Sodsifatti immens għax huwa proġett li ser ikun qed jagħti ħafna benefiċċji. Huwa l-iktar proġett anzi mill-proġetti kollha, se jkun qed jagħti €16 għal kull ewro investiment u għaldaqstant iva aħna determinati li qabel ma tibda s-sena skolastika tas-sena d-dieħla dan il-proġett inwettquh. Anzi se nagħmlu ħilitna biex inwettquh qabel.”
L-Inġinier Azzopardi spjega wkoll kif b’din id-deċiżjoni, il-proġett jista’ jibda miexi b’ritmu iktar mgħaġġel u se jsir f’diversi fażijiet.
Qal li l-ewwel fażi tal-proġett tinkludi xogħlijiet bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħ’Attard u Wied Inċita. Spjega li s-sewwieqa li jkunu qed isuqu mill-Imrieħel lejn Tramuntana tal-pajjiż ser ikun jistgħu jużaw it-triq il-ġdida.
Il-Kap Eżekuttiv spjega li saru bosta devjazzjonijiet biex ma jinġemax it-traffiku tul ix-xogħolijiet: “Inħeġġeġ anzi kemm lis-sewwieqa u lil kull min juża t-toroq tagħna sabiex isegwi l-avviżi li noħorġu, isegwi t-tabelli li jkollna anki fit-toroq tagħna sabiex nassiguraw li t-traffiku jkun iddevjat bl-aħjar mod ħalli anke x-xogħol jibqa’ għaddej b’mod gradwali u nlestu fil-ħin.”
Huwa temm jgħid li Infrastruttura Malta ħadmet qatigħ biex dan il-proġett li se jwassal ukoll għal tnaqqis kbir ta’ dħaħen fl-arja, jieħu l-inqas art possibbli minn dak li kien ippjanat.