Il-Qorti ddeċidiet li l-billboards li għandu l-Partit Nazzjonalista b’mod li jiksru l-avviż legali li jirregola l-istess billboards jistgħu jitneħħew.
Dan f’deċiżjoni li tat illum. Id-deċiżjoni ngħatat wara kontromandat li għamlet l-Awtorità tal-Ippjanar fl-aħħar jiem, bil-Partit Nazzjonalista ma jdaħħalx il-kawża li suppost għamel skont deċiżjoni meħuda ftit tal-ġimgħat ilu mill-Imħallef Jacqualine Padovani Grima.
Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni l-Awtorità tal-Ippjanar issa tkun tista’ toħroġ l-ordni ta’ infurzar u l-Partit Nazzjonalista jneħħihom. Dan sakemm ma jieħux passi legali oħra.
Meta ħareġ l-avviż legali l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni ma tistax tippretendi li hija ‘l fuq mil-liġi u ma tirregolax il-pożizzjoni tagħha. Xi ħaġa li issa kkonfermat il-Qorti.
Dan għax l-avviż legali ma jolqotx biss billboards politiċi u fil-każ ta’ billboards politiċi jolqot kemm il-billboards li jista’ jkun hemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll dawk tal-Partit Laburista, u kull partit ieħor li għandu billboards mhux konformi mal-liġi.
Fiż-żmien ta’ elezzjoni ġenerali jew lokali, sa minn tliet xhur qabel l-imsemmija elezzjoni sa ġimgħa wara, il-partiti politiċi jkunu eżentati milli jġibu permess biex itellgħu billboard sakemm dawn ikunu mqegħdin b’mod li ma jkunux ta’ periklu fit-toroq.
“Simon Busuttil ma jirrispetax deċiżjoni tal-Qorti” – Partit Laburista
Minkejja li f’deċiżjoni tal-Qorti llum ġie deċiż li l-billboards tal-Partit Nazzjonalista jistgħu jinġabru mit-toroq, dan wara li nstema’ l-kontro-mandat tal-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif il-Partit Nazzjonalista ma fetaħx il-kawża fiż-żmien stipulat bil-liġi, Simon Busuttil ma staħax idaħħal mandat ieħor.
Il-Partit Laburista stqarr li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu l-ebda rispett lejn il-Qorti, ħlief meta xi ħaġa tinqata’ favur tiegħu.
“Minflok jibqa’ għaddej bil-kampanja negattiva tiegħu, Simon Busuttil aħjar jibda jagħti widen u jirrispeta d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, anke meta dawn ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jkun xtaq hu. Hemmhekk forsi fl-aħħar jibda jittieħed ftit bis-serjetà,” stqarr il-Partit Laburista.