Emanuel Micallef magħruf ukoll bħala DJ Lito kien jaħti għall-inċident tat-traffiku li fih huwa tilef ħajtu.
Fl-istess waqt, il-Qorti illiberat lil Jason Zammit, li kien mixli bil-qtil involontarju u kien akkużat ukoll li saq vettura b’manjiera traskurata u perikoluża.
Għal dawn l-akkużi tal-aħħar, il-Qorti sabet lil Zammit ħati u mmultata mitejn, tnejn u tletin ewro iżda l-Maġistrat Nadine Lia sostniet li l-manuvra li għamel, ma kkaġunatx il-ħabta.
Il-każ seħħ fid-29 ta’ Mejju fl-2016 f’Bormla u nvolva tliet karozzi.
Jidher li Micallef kien qed isuq wara Zammit meta Micallef ipprova jaqbżu.
Ġara li minn faċċata kienet ġejja karozza oħra u għaldaqstant Micallef ipprova jerġa’ jidħol fil-karreġġjata meta hawnhekk laqat il-karozza ta’ Zammit.
Kawża tad-daqqa, il-karozza ta’ Micallef inqelbet u hu kien iċċertifikat mejjet fuq il-post għaliex sofra minn xi ksur f’moħħu.
Skont esperti tal-Qorti rriżulta li Micallef kien taħt l-effett tax-xorb, kellu traċċi tal-kannabis u kien qed isuq b’mod eċċessiv.