Raġel ta’ 39 sena li joqgħod Marsaxlokk ma nstabx ħati li f’Lulju ta’ sentejn ilu darab gravi lil martu b’daqqa ta’ ponn f’imneħirha f’inċident li seħħ fid-dar tagħhom fiż-Żejtun.
Huwa ġie mixli wkoll li dakinhar tal-inċident kissrilha l-laptop tax-xogħol.
Fil-Qorti ngħad li l-każ ġie rrapportat fl-għassa tal-pulizija wara li l-mara waslet lura d-dar minn ġurnata baħar u żewġha ilmenta dwar il-malja li libset.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia nnotat li l-allegata vittma ma riditx titla’ tixhed kontra żewġha. Saħansitra ddikjarat f’seduta tal-qorti li ma ġarrbet l-ebda ġrieħi.
Il-Qorti osservat li ta’ spiss qed jiġru każijiet fejn l-allegata vittma tiddikjara li ma tkunx trid tixhed kontra l-imputat li ħafna drabi jkun żewġha jew is-sieħeb tagħha.
Qalet li dan qed joħloq frustrazzjoni kbira lill-Pulizija, lill-uffiċjali tal-Appoġġ u lill-Qorti.
Sostniet li l-Prosekuzzjoni tispiċċa frustrata għax ix-xhud ewlieni jneżżaha mis-saħħa li jkollha biex tipprova l-każ u l-Qorti tħossha frustrata għax jitneħħielha l-poter li taġixxi f’każ meta suppost ikollha l-vittma li tixhed u l-prova tkun waħda b’saħħitha. Madankollu qalet li dan kollu jisfuma fix-xejn.
Il-Maġistrat sostna li f’dan il-kuntest mhux faċli għall-qorti li tisforza lill-allegata vittma tixhed. Qal li l-biża’ hi li din tiġi vvittimizzata aktar jekk titpoġġa taħt pressjoni biex tixhed.
Il-Qorti qalet li din hija sitwazzjoni mhux ta’ ftit importanza għax kif ġara f’dan il-każ, l-allegata vittma qatt ma xehdet bil-konsegwenza li l-każ iddgħajjef u ma baqax sostenibbli skont il-liġi.
Irrimarkat li r-riżultat aħħari, kif inhu f’dan il-każ sfortunatament hu responsabbiltà unika tal-allegata vittma u għalhekk fiċ-ċirostanzi, kellha tillbera lill-akkużat mill-akkużi kollha miġjuba kontrih.