L-eks Prim Ministru Joseph Muscat se jingħata aċċess għall-proċess verbal tal-inkjesta dwar l-isptarijiet, wara li l-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali biex mill-aktar fis possibbli, jagħtuh kopja tal-konklużjonijiet tal-inkjesta kollha.
Din il-kopja se tingħata lill-persuni l-oħra nvoluti u li jissemmew fl-imsemmija inkjesta.
Dwar dan kiteb l-avukat ta’ Dr Muscat, Charlon Gouder, li kiteb kif b’dan l-iżvilupp, għat-tieni darba f’inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa, Joseph Muscat għamel kisba importanti fil-Qorti.
Huwa qal ukoll li jemmen li l-poplu se jiġġudika fl-immedjat min ħasel idejh, u li l-ġustizzja se tagħmel ħaqq matul is-snin filwaqt li tikkundanna lil min kien wara din il-ħadma.
Innota wkoll kif hija ħasra li tul dawn il-proċess qed jintilfu nies validi u ta’ talent, bħal Chris Fearne.
Mindu l-Inkjesta Vitals ġiet ippubblikata mill-Maġistrat Gabriella Vella proprju fis-siegħa u l-ħin li fetħu n-nomini għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju li ġej, il-Prim Ministru Robert Abela nsista kemm-il darba pubblikament dwar dan it-timing politiku u biex il-proċess verbal tal-inkjesta jsir pubbliku.