Il-Qorti reġgħet ċaħdet it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex iwaqqaf lill-Awtorità tal-Ippjanar milli tneħħi billboards illegali tal-Partit Nazzjonalista, sakemm qorti oħra tieħu deċiżjoni finali.
Il-kwistjoni ddur dwar avviż legali li jirregola l-billboards, inkluż dawk tal-partiti politiċi, fejn fost oħrajn dawn tal-aħħar intalbu jħallsu għal billboards li jżommu fit-toroq mhux fi żmien kampanja elettorali. Wara li fl-għaxra ta’ Mejju l-Partit Nazzjonalista kellu talba għal mandat milqugħa ingħata 20 jum biex iressaq kawża, iżda nesa jagħmel dan.
Dan wassal biex l-awtorita tal-ippjanar irrevokat id-deċiżjoni favur il-Partit Nazzjonalista. Fiċ-ċirkostanzi l-Partit Nazzjonalista ressaq talba oħra bil-qorti tgħid li m’hemmx ksur ta’ drittijiet fundamentali. F’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista xorta se jkun f’pożizzjoni li jwassal il-messaġġ tiegħu lin-nies u t-tneħħija tal-billboards ma tippreġudikax il-każ l-ieħor li hemm.