Il-Qorti Kostituzzjonali tat żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament lill-Partit Nazzjonalista. Dan f’deċiżjoni wara appell li sar iktar kmieni din is-sena.
Il-każ idur ma’ żball fl-għadd tal-voti fl-elezzjoni tal-2013 fuq it-tmien u tliettax –il distrett elettorali meta kienu qed jintirtu l-voti minn kandidat għal ieħor.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-avukat tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti.“Tkellmet l-ogħla qorti,” qal Abela li rrimarka kif din ikkonfermat ukoll kemm kellu raġun jappella minn sentenzi preċedenti l-Partit Laburista.
Fil-fatt kien hemm punti li l-Partit Nazzjonalista ma ngħatax raġun dwarhom, fosthom is-sehem ta’ Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi fil-kawża, li bil-mekkaniżmu elettorali diġa’ għandhom siġġu fil-Parlament u għalhekk ma kellhomx iktar interess fil-kawża.
Deċiżjoni li wasslet biex il-Partit Laburista jżomm is-siġġijiet kollha tiegħu. Minn naħa tal-Partit Nazzjonalista intqal li issa saret ġustizzja u kif mistenni l-esponenti tiegħu dehru sodisfatti meta ħarġu barra l-qorti.
B’hekk il-Parlament Malti se jkollu l-ammont massimu ta’ membri għall-ewwel darba fl-istorja, jiġifieri 71 membru.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-Prim Ministru kiteb fuq twitter u qal li jinsab diżappuntat ferm bid-deċiżjoni tal-Qorti dwar kif għandu jkun kompost il-Parlament. “Iżda, nirrispettaw u nimplimentaw,” kiteb il-Prim Ministru li ddikjara li din id-deċiżjoni tagħmel lill-gvern iktar riżolut għall-ġejjieni.
Deeply disappointed at court ruling on composition of Parliament. But we respect and will implement. Makes us more resolute for future -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) November 25, 2016