Il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi prima facie biex Mario Degiorgio, ta’ 65 sena, li joqgħod il-Marsa, jgħaddi ġuri fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus, rikatt, u akkużi oħra.
Fis-seduta tal-lum kompla jixhed Melvin Theuma, li kien ingħata l-proklama biex jixhed fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa stqarr li ta eluf fi flus kontanti lil Mario Degiorgio biex jagħtihom lis-sieħba ta’ George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż – wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-Qorti, Theuma xehed li Mario Degiorgio kien jitolbu €5,000 kull darba biex jagħtihom lil Anca Adelina Pop. Huwa stqarr li din grat aktar minn darba. Mistoqsi għaliex għamel dan, Theuma wieġeb li ħassu maqbud u beża’ li jiġi tradut.
Xehed ukoll Darren Debono, magħruf bħala t-Topo, li ntbagħat 10 snin u nofs ħabs wara li wieġeb li kien involut fl-attentat ta’ serqa mill-Kwartieri Ġenerali tal-Bank HSBC f’Ħal Qormi fl-2010.
Mistoqsi dwar Mario Degiorgio, Debono qal li hu jafu peress li t-tnejn kienu mill-Marsa. Huwa kkonferma wkoll li Theuma kien ħabib tiegħu, iżda ma setax jiftakar jekk Theuma kienx ikkuntattjah dwar xi ħaġa b’rabta mal-akkużat.
Il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi prima facie biex Degiorgio jgħaddi ġuri fuq dawn l-akkużi u tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000.