Il-Qorti ddeċidiet li l-proġett propost mid-DB Group fis-sit fejn kien hemm l-ITS fil-Bajja ta’ San Ġorġ ikompli kif pjanat u approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, l-Erbgħa ddeċidiet favur it-tkomplija ta’ dan il-proġett b’investiment ta’ kwart ta’ biljun ewro, wara appell imressaq minn kunsilli lokali u minn għaqdiet mhux governattivi kontra l-iżvilupp.
B’din id-deċiżjoni d-DB Group jista’ jibda x-xogħol fuq is-sit, li se jkun jikkonsisti f’żewġ torrijiet ta’ 17 u 18-il sular rispettivament. Dan flimkien ma’ lukanda ta’ 12-il sular.
Dan se jsir skont il-pjanti l-ġodda, li fihom tnaqqis ta’ 57 fl-għoli tal-binjiet residenzjali. L-istess pjanti aġġornati li preżentaw il-periti tal-proġett inaqqsu l-impatt negattiv tal-bini, fosthom b’aktar spazji pubbliċi.
Intant, il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kien sostna li dan il-proġett iġib miegħu l-obbligu fuq l-iżviluppaturi li jinvestu aktar minn miljun ewro fi proġetti għall-komunità f’Pembroke filwaqt li l-bajja ta’ San Ġorġ għandha tibqa aċċessibbli għall-pubbliku.