Il-Qorti tal-Appell ddispona mill-appell li ressqet l-Oppożizzjoni b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet filwaqt li ġab fix-xejn id-dikjarazzjoni falza taħt ġurament, tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Qorti kkonfermat li l-Avukat tal-Istat ma għandu l-ebda dmir li jaġixxi imma li għandu biss setgħat limitati.
L-Imħallfin qalu dan hekk kif taw id-deċiżjoni tagħhom b’rabta mal-kawża dwar l-isptarijiet miftuħa mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u l-predeċessur tiegħu Adrian Delia flimkien mal-Avukat Edward Debono kontra l-Avukat tal-Istat.
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak mitlub mill-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li d-deċiżjoni dwar jekk għandux imexxi jew le għandu joħodha l-Avukat tal-Istat waħdu fl-għaqal tiegħu u ebda Awtorità ma għandha tindaħallu f’dik id-deċiżjoni.
Il-Qorti tal-Appell, fis-sentenza tagħha, it-Tnejn filgħodu appellat ukoll lil kull Membru Parlamentari għall-għaqal fl-azzjonijiet marbuta ma’ din il-kwistjoni.
F’kummenti barra l-Qorti wara d-deċiżjoni, il-Prim Ministru nnota l-aġir populist tal-Kap tal-Oppożizzjoni u appellalu biex ma jkunx populist fuq kwistjoni ta’ interess nazzjonali.
Fakkar li l-Gvern diġà fittex lil Steward Healthcare quddiem l-Arbtiraġġ Internazzjonali u mad-deċiżjoni tat-tħassir tal-konċessjoni, il-Gvern minnufih għamel control step-in fejn ittieħed il-kontroll tat-tliet sptarijiet.
Il-Prim Ministru fisser kif hu dispost li jgħarraf l-Oppożizzjoni bid-dettalji tal-proċeduri tal-Arbitraġġ Internazzjonali, fejn il-Gvern qed ifittex lil Steward biex jirkupra kull ċenteżmu dovut lill-Istat.
Qal li mbagħad wieħed jistenna li l-Oppożizzjoni żżomm il-kunfidenzjalità tad-dettalji sakemm il-proċeduri għadhom pendenti.