Il-Qorti tal-Appell Kriminali reġgħet bagħtet t-talba għal estradizzjoni ta’ ċittadin Malti għand il-Qorti tal-Maġistrati.
Il-Malti mfittex mit-Taljani huwa John Spiteri, ta’ 56 sena mill-Qrendi. Is-sena li għaddiet, kien fost 16-il persuna li l-Pulizija Taljana arrestat f’Katanja. Huwa allegatament nvolut f’ċirku ta’ kriminalità bejn Malta u Sqallija, tant li f’parti minn operazzjonijiet kbar kienu kkonfiskati mijiet ta’ kilogrami tad-droga.
Spiteri deher quddiem il-Qorti f’Malta aktar kmieni din is-sena wara li kien inħareġ mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tiegħu. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet iddeċidiet kontra li l-proċess tal-estradizzjoni jitkompla, iżda l-Avukat Ġenerali appellat id-deċiżjoni, u kienu preżentati iktar dokumenti fil-Qorti.
Il-Qorti tal-Appell qalet li dokumentazzjoni ġdida għandha tkun evalwata mill-Qorti tal-Maġistrati u għalhekk il-każ irid jinbeda mill-ġdid.