Meta ġie Maitland f’Malta, beda jagħmel it-tibdil fis-sistema tal-Qrati speċjalment fil-Qrati Kriminali. Is-sistema kienet ħażina u ma kien l-ebda konsiderazzjoni għal min ikun akkużat. Il-poplu Malti għandu bżonn jifhem illi min ikun akkużat għad ma jkollux sentenza fuq rasu, u allura daqs kemm hemm ċans illi jinstab ħati daqstant ieħor ikun hemm ċans illi ma jkunx ħati. U l-istejjer mhumiex bilfors kif jidhru fil-ġurnali, għaliex il-ġurnal iġib fil-qosor u ma jistax iġib dak kollu li jkun qed jiġri fl-Awla.
Imma li jinkwetani huwa li minkejja kull sforz, is-sistema tal-Qrati Kriminali, erġajna morna lura għal żmien Maitland.
U l-għerq ta’ kollox jinstab fis-sistema ta’ kif issir il-kumpilazzjoni illi suppost aħna imitajna mill-Ingliżi. Filfatt peress illi l-Imħallfin tal-imgħoddi kienu iktar midħla tal-ilsien Taljan u kienu jaqraw il-kotba tal-liġijiet Taljani, fasslu il-ħsieb tagħhom u l-interpretazzjoni tal-liġijiet Ingliżi b’nuċċali Taljan. Żmien ilu fl-Italja, għax lanqas għadhom hekk illum, kien hemm dak li jgħidulu Il Giudice Istruttore. Dan kien joqgħod jisma’ u jiġbor il-provi u kważi jagħmel proċess hu. Meta t-Taljani ndunaw illi dak kien l-għerq ta’ ħafna problemi biddlu s-sistema u l-fażi tal-Istruttoria, iġifieri il-kumpilazzjoni, ħaffewha immensament. U bħala punt importanti hu li filwaqt li jinġabru xi xhieda rilevanti u jkun hemm l-informazzjoni fid-dokumenti kollha li tingħata id-difiża, il-proċess mhux isir darbtejn imma jsir darba biss quddiem il-Qorti li trid tiġġudika.
Aħna x’qed jiġri, kien jiġri u għadu jiġri? Mhux biżżejjed illi jkun hemm statistika li turi ċertu progress. Għaliex nerġgħu koppi kif erġajna koppi diversi drabi.
Ma jistax ikun illi jsir proċess darbtejn, darba waqt il-kumpilazzjoni u imbagħad fil-ġuri. Jekk ikun quddiem il-maġistrat u l-kas jerga’ jmur quddiem il-maġistrat allura dak ix-xogħol ma jirrepetix ruħu. Pero` tant il-kas isir bis-sulluzzu illi n-nies jinsew, tintitlef l-attenzjoni minn fuq il-kas. Jkun hemm min jgħid, “Dan x’ġara? Ma ġara xejn? Difnuh?”, meta filfatt jkunu qed jsiru seduti li ma jwasslu mkien. Tgħiduli, x’iġifieri ma jwasslu mkien? Jekk per eżempju, l-Avukat Ġenerali tissemma’ li fl-inċident kien hemm karozza viċin b’ċertu numru, ittella xhud minn Transport Malta biex tgħid fuq min hi rreġistrata l-karozza. Fis-seduta ta’ wara, iħarrku lil sid dik il-karozza biex jgħid jafx xi ħaġa fuq il-kaz. U dawn affarijiet li setgħu għamlulhom il-pulizija f’investigazzjoni u jinfurmaw lil Qorti u mhux kif qed jiġri llum.
L-agħar pożizzjoni hija tal-persuni arrestati. B’emenda li saret ftit taż-żmien ilu, bejn seduta u oħra ta’ bniedem arrestat iridu jgħaddu sittġimgħat. Bejn seduta u oħra ta’ persuna li mhux arrestat, jgħaddu sitt ġimgħat. Dan sewwa? Le, mhux sewwa, għaliex min hu arrestat għandu, skont il-Qorti Ewropeja, privileġġ fuq ħaddiehor illi jinsab bil-liberta` proviżorja. Pero` dawk is-sentenzi ta’ kritika li l-Qorti Ewropeja għamlet fuq is-sistema Maltija, jiddispjaċini ngħid illi kienu żejt mhux fil-lampier imma x’imkien iehor!