Il-Qorti tal-Appell naqset il-multa imposta mill-FIAU fuq is-Satabank minn tlieta punt seba’ miljuni għal ftit aktar minn tmien mija u ħamsin elf ewro u ddikjarat li l-multi m’għandhomx ikunu iktar minn għaxra fil-mija mill-profitt li jagħmel il-bank.
Minkejja li l-Qorti nnutat id-diskrezzjoni wiesgħa relatata ma’ sanzjonijiet amministrattivi fi ħdan ir-Regolazzjonijiet kontra l-ħasil ta’ flus u ffinanzjar ta’ terroriżmu, qalet li għandhom jiġu kkunsidrati l-limiti stabbiliti mill-istess regolazzjoni.
Il-Qorti qalet ukoll li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ għandhom jiġu kkunsidrati meta tittieħed deċiżjoni relatata ma’ piena amministrativa.
Il-bank Satabank kien immultat aktar minn tliet miljuni f’Marzu li għadda wara li nstab ħati ta’ ksur ta’ liġijiet ta’ ħasil ta’ flus.
Dan filwaqt li f’Ottubru li għadda, l-MFSA ffriżat effettivament it-tnax-il elf kont miftuħa magħha u ġie appuntat amministratur biex jamministra l-assi tal-bank fl-aħjar interess tad-depożitaturi.
Sussegwentament, il-bank tilef il-liċenzja tiegħu.