Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ 18-il sena ħabs lil Rawa Briga Abdelsalam, li fl-2016 pprova jħanxar għonq tfajla Maltija waqt li pprova jisraq il-basktijiet tagħha u ta’ ħabibtha.
Huwa mifhum li f’Awwissu tal-2016, it-tfajla Maltija ta’ 25 sena kienet miexja ma’ ħabibtha f’San Ġiljan, meta Abdelsalam ħebb għalihom sabiex jisirqilhom il-basktijiet. Hawn ħareġ sikkina u pprova jħanxar għonq it-tfajla, li wara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-akkużat irnexxielu jaħrab minn fuq il-post bil-basket.
Meta tressaq quddiem il-Qorti Kriminali, il-Libjan wieġeb ħati għal diversi akkużi fosthom ta’ attentat ta’ qtil, serq u li kellu sikkina fil-pussess tiegħu mingħajr liċenzja, u għalhekk ġie kkundannat 18-il sena ħabs.
Fil-Qorti tal-Appell, ġie nnutat kif il-Qorti ma kinitx qablet mal-ftehim milħuq bejn l-akkużat u l-Avukat Ġenerali, liema ftehim kien se jżid tliet snin oħra mas-sentenza ta’ 18-il sena priġunerija.
Min-naħa l-oħra, l-istess Qorti tal-Appell stqarret kif is-sentenza mhijiex waħda eċċessiva hekk kif wara l-attakk, il-vittma kienet f’qagħda kritika, tant li kien hemm żmien fejn din kienet fil-periklu li titlef ħajjjitha. Apparti minn hekk, il-feriti ġabu diffikultà lill-vittma fuq il-post tax-xogħol, minħabba li din kienet taħdem bħala interpretu.