Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat deċiżjoni tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili dwar l-ikkonfiskar ta’ żewġ jet skis mid-Dwana kien ġust.
Dan wara li raġel appella mid-deċiżjoni tal-Prim Awla u talab li l-Qorti tal-Appell tħassar u tirrevoka s-sentenza mogħtija fl-2020.
Raġel kien abbord il-bastiment MV LECA NORD, reġistrat bil-bandiera tal-Belize bħala Kaptan u li fost it-tagħbija, fit-23 ta’ Awwissu 2013, kellu żewġ jetskis li ma kinux imniżżla.
L-uffiċjali tal-Port il-Kbir talbu lill-bastiment jirritorna u jorbot mal-moll, fejn ġew ordnati li jitniżżlu ż-żewġ jetskis li kienu proprjetà tar-raġel li ressaq l-appell.
Ir-raġel irrifjuta li dawn il-bċejjeċ tal-baħar jitniżżlu minn fuq il-bastiment.
Fl-Appell tiegħu r-raġel ilmenta li l-jetskis ma kinux imniżżla mat-tagħbija minħabba li kienu għall-użu personali tiegħu, ilmenta ukoll li xi dettalji ma kinux sostnuti.
Il-Qorti qalet kif minkejja l-ilmenti ma setax ikun ippruvat jekk dawn il-bċejjeċ verament ma kinux ser ikunu esportati lejn pajjiżi terzi.
B’hekk il-Qorti ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel Qorti fl-intier tagħha, filwaqt li ordnat lir-raġel iħallas l-ispejjeż tal-Qorti.