Fil-Qorti tal-Appell, tliet imħallfin ċaħdu l-appell li ressaq il-Logutenent Andrew Mallia kontra l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Ministru għall-Intern dwar ħatriet fl-Armata lura fl-2013.
Dwar dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista kien u baqa’ jagħmel kruċjata sal-lum dwar allegat diskriminazzjoni fuq promozzjonijiet li ngħataw iżda l-Qorti mhux biss xejnet dan fl-ewwel istanza iżda issa kkonfermat iċ-ċaħda li kien hemm xi diskriminazzjoni fi stadju tal-Appell.
Il-Logutenent Andrew Mallia kien ilmenta li kien hemm diskriminazzjoni wara li Claudio Spiteri, Brian Gatt, Alfred Attard, Pierre Vassallo, Mark Said, Jeffery Curmi u Mark Mallia, ittellgħu għall-grad ta’ Kurunell.
Il-Logutenent Andrew Mallia argumenta li erba’ minn dawn ingħataw promozzjoni mgħaġġla iżda anki fl-istadju tal-Appell, il-Qorti qalet li kollox sar kif suppost.
It-tliet Imħallfin xejnu l-argument li anki kien sar mill-Partit Nazzjonalista li l-erba’ uffiċjali tal-Armata ngħataw promozzjoni mgħaġġla għaliex il-proċessi tal-ħatriet kienu eżerċizzji separati u ġie rimarkat li l-Ministru għall-Intern għandu d-diskrezzjoni li jagħżel hu min jinħatar fil-grad ta’ Kurunell ’il fuq.
Intqal ukoll li mhuwiex veru li l-Brigadier li kien jokkupa l-kariga waqt dawn il-ħatriet ma kienx infurmat tant li dak iż-żmien il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Intern Silvio Scerri kien ikollu laqgħat mal-Brigadier fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney li anki xehed li l-materja tal-ħatriet kienet ġiet diskussa mal-Brigadier.
It-tliet Imħallfin innutaw li minn appella lanqas għamel kontro-eżami ta’ Mahoney fuq dan il-fatt importanti anki jekk l-appellant allega li l-Brigadier tħalla fl-għama.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Qorti tal-Appell ċaħdet il-kawża.