Il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talba tal-kumpanija li tmexxi l-Casino ta’ Dragonara dwar id-deċiżjoni tal-privatisation unit li għażel lill-kumpanija Eden Leisure bħala l-aqwa offerent għall-ftuħ ta’ casino ġdid.
Il-kumpanija li tmexxi l-casino tad-Dragonara kienet ressqet mandat kontra din id-deċiżjoni u qalet li ma kinitx qed taqbel li l-offerta tagħha kienet qed titqies bħala t-tieni l-aħjar. Il-kumpanija allegat li l-proċess kien wieħed ivvizzjat u sostniet li l-offerta li ħareġ il-Gvern kienet għal casino wieħed f’Malta u mhux tnejn.
Kien f’Lulju ta’ tliet snin ilu l-Gvern nieda sejħa għal konċessjoni ta’ casino f’Malta bil-gvern jirċieva ħames proposti għal konċessjoni ta’ Casinos f’Malta b’offerti li jilħqu miljuni ta’ ewro.
Il-kumitat ta’ aġġudikazzjoni kien għażel lil Eden Leisure bħala l-aħjar offerta għax il-valur finanzjarju tal-proposta tiegħu kienet sostanzjalment għola minn tal-proponenti l-oħrajn fosthom tal-kumpanija Dragona li fetħet proċeduri fil-qorti biex twaqqaf dan il-proċess.
Fil-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell ippresedua mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Tonio Mallia u Joseph laqgħet appell tal-Ministeru għall Ekonomija u tal-Ministru tal-Finanzi u taċ-Chairman tal-Privatisation Unit sabiex tħassar is-sentenza tal-ewwel Qorti li ngħatat Ottubru 2016.
Il-Qorti tal-Appell qablet mal-eċċezzjonijiet mressqa mill-Gvern u qiset l-azzjoni tad-Dragonara bħala waħda preskritta.
Il-Qorti tal-Appell saħqet li l-kumpanija Dragona ma kellhiex tħalli kważi sena tgħaddi qabel ma fetħet il-kawża tagħha. Ingħad li f’dan il-każ, il-Kumpanija Dragona saret taf bid-deċizjoni l-għada li ttieħdet. Madanakollu ħadet azzjoni ġudizzjarja sena wara.
Kien għalhekk li l-Qorti tal-Appell sabet li l-azzjoni tal-kumpanija Dragonara kienet preskritta u l-Qorti, astjeniet milli tieħu konjizzjoni tal-istess kawża.