Il-Qorti tal-Appell Kriminali bidlet parzjalment deċiżjoni li ttieħdet fil-konfront ta’ Tyson Grech wara li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja wara li mar f’diskoteka f’Paceville.
Il-Qorti tal-Appell biddlet is-sentenza mill-priġunerija li kien ingħata, għal multa.
Grech ġie mixli wara li spettur tal-Pulizija sab lil Grech fid-diskoteka Havana għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu fil-5 ta’ Settembru tal-2021. B’hekk, huwa kien kiser kundizzjoni ta’ żewġ sentenzi li ngħata f’każijiet preċedenti. Il-Pulizija ġiet innotifikata b’post li ttellgħet fuq il-Facebook profile ta’ Grech, li urietu fl-istabbilment.
Wara li qieset dak kollu li ntqal u segwiet iż-żewġ każijiet preċedenti, il-Qorti biddlet is-sentenza talli kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja minn erba’ xhur ħabs għal multa ta’ tmien mitt ewro. Barra minn hekk, ikkonfiskat il-ħames mitt ewro depożitu li kellu fuq każ li jmur lura għall-2021.