B’erbgħa deċiżjonijiet mogħtija t-Tnejn li għadda, il-Qorti laqgħet l-appell tal-Bank of Valletta u ħasret id-deċiżjoni tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji li ordna li 400 investitur fil-Property Fund li kien offrut minn La Vallette Fund jingħataw kumpens għat-telf li ġarrbu.
Fi Frar tas-sena li għaddiet, l-Arbitru ordna lill-Bank iħallas kumpens ta’ madwar €3.4 miljun.
Fi stqarrija, il-kumpanija Finco Treasury Management qalet li l-Qorti ma daħlitx fil-mertu tal-ilment tal-investituri għax iddeċidiet fuq punt ta’ ligi li parti tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur li jimplimenta d-Direttiva dwar Kuntratti Inġusti ma japplikawx għas-“Settlement Agreement” milħuq bejn il-bank u l-investituri tal-fondi f’Mejju tal-2011.
Il-kumpanija qalet li flimkien mal-konsulenti legali tagħha qed tagħmel analiżi tad-deċiżjonijiet waqt li l-każijiet l-oħra tħallew għad-deċiżjoni għall-għaxra ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.