Il-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon ħatret avukat u awditur bħala amministraturi proviżorji tal-isptar San Filippu wara li bank HSBC fetaħ rikors kontra il-grupp The Golden Sheperd.
Dak li kien kandidat għall-Kap Nazzjonalista, Frank Portelli huwa l-uniku direttur fuq l-isptar li għalaq il-bibien tiegħu 8 snin ilu wara dejn kbir li akkumula.
Il-bank fetaħ ir-rikors wara li fil-midja ħareġ li Frank Portelli waħdu kien offra l-użu tal-isptar lil Gvern minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Il-bank, li għandu każ separat mal-kumpanija tal-isptar dwar xoljiment u likwidità talab biex Frank Portelli ma jkunx waħdu u jkun hemm min jgħarbel id-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Fil-fatt il-Qorti qalet li f’dan iż-żmien delikat ix-xogħol ta’ direttur waħdu għandu jiġi skrutinizzat minn amministraturi oħra.
Għalhekk l-Imħallef Zammit McKeon ħatar lill-avukat John Gauci u l-awditur Noel Mizzi bħala amministraturi ta’ dan l-isptar bl-ispejjeż għal dan jintrefgħu mill-bank.
Il-Qorti ordnat li kull ftehim li jirrigwarda l-isptar San Filippu għandu jitressaq minn Frank Portelli u l-amministratur għall-approvazzjoni tal-Qorti.
“Fin-nuqqas ta’ dan, il-ftehim ikun null u bla effett”, irrimarkat il-Qorti.