Il-Ministru Josè Herrera laqa’ b’sodisfazzjon is-sentenza tal-Qorti tal-Appell li fiha ċaħdet it-talba tal-Professur Alex Torpiano, Dr. Dion Buhagiar, u Dr. Marc Bonello, li huma b’xi mod jew ieħor setgħu ġew immalafamati jew inġurjati b’artikolu li kien deher fil-gazzetta The Times tal-15 ta’ Ġunju 2004.
F’dan l-artikolu ingħad li Marc Bonello – li kien jokkupa l-kariga ta’ Viċi Chairman tal-Awtorità Marittima Maltija – kien ukoll wieħed mis-soċjetà TBA Periti, li kienet ingħatat xogħolijiet mill-Awtorità Marittima Maltija (MMA) b’rabta ma’ konsulenzi u tiswijiet li kellhom isiru fuq il-moll tal-Port il-Kbir. Is-socji l-oħra kienu Dr. Alex Torpiano u il-Perit Dion Buhagiar.
Il-Perit Alex Torpiano huwa l-istess perit li ddisinja u fassal id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll li tqabbad, wara kompromess, mill-Ministru tal-Lands fi żmien Gvern preċedenti biex bħala “perit indipendenti” issir valutazzjoni b’valuri ta’ 22 sena qabel. Ir-riżultat kien li l-Gvern daħħal biss 700,000 ewro għall-art tal-Löwenbräu li, meħlusa minn kull kundizzjoni, tiswa’ €8 miljuni.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li l-artikolu ta’ Josè Herrera fuq it-Times, bl-ebda mod ma jista’ jitqies li huwa libelluż, jew li jtellifilhom il-gieħ tagħhom.
Din is-sentenza issegwi deċiżjoni oħra li kienet ħadet il-Qorti tal-Magistrati, li kienet ikkonfermat li dak miktub minn Herrera fl-artiklu tiegħu huwa sostanzjalment veru u korrett, u li l-mistoqsijiet imqajma minnu f’dan l-artikolu kienu mistoqsijiet leġittimi u mistennija li għandhom isiru f’gieħ it-trasparenza pubblika lil kull persuna li tokkupa kariga pubblika, bħal dik li kien jikkupa l-eks Chairman tal-Awtorità Marittima taħt Gvern Nazzjonalista, kif ukoll lis-soċji tiegħu tad-ditta TBA Periti.
Il-każ imur lura għas-snin 1999 u 2001, meta l-ewwel Awtorità Marittima kienet ħarġet diversi sejħiet għal xogħolijiet u konsulenzi fuq tiswijiet li kellhom isiru fuq il-moll tal-Port il-Kbir (Deep Water Quay).
F’kummenti li ta wara din id-deċizjoni, Herrera mhux biss laqa’ b’sodisfazzjon din id-deċiżjoni, iżda wkoll irrimarka li d-deċizjoni tal-Qorti llum ikkristalizzat il-mod ta’ kif kien jaħdem Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013.