Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Afriqiyah Airways biex ikun rilaxxat l-ajruplan Airbus A320-214 li nhar it-23 ta’ Diċembru kien maħtuf minn żewġ Libjani u tniżżel Malta.
Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Maġistrat Anthony Vella li quddiemu bdew jidhru wkoll iż-żewġ Libjani li issa qed jiffaċjaw proċeduri fil-Qorti Maltija. Proċeduri b’diversi akkużi li jistgħu iwasslu sa għomor il-ħabs.
Id-deċiżjoni tal-Maġistrat Vella kienet ikkonfermata fi stqarrija tal-Gvern u ttieħdet wara li tul il-jum tal-Ħamis kienet formalment ippreżentata lill-Qorti l-inkjesta magħmula mill-Maġistrat inkwerenti Doreen Clarke.
Inkjesta li fost oħrajn kellmet lill-diversi xhieda, fost il-passiġġieri kollha li kienu fuq l-ajruplan u l-membri tal-ekwipaġġ.
Jirriżulta li fl-inkjesta ġew elevati żewġ black boxes mill-ajruplan li nżammu għall-finijiet tal-proċess ġudizzjarju. Dawn huma l-Flight Data Recorder u l-Cockpit Voice Recorder.
It-talba biex l-ajruplan ikun rilaxxat saret tul il-jum tal-Erbgħa meta l-Maġistrat Vella beda jisma’ l-kumpilazzjoni. Ir-rikors f’isem Afriqiyah Airways sar minn avukat tad-ditta legali Fenech & Fenech.
Minkejja l-permess tal-Qorti biex l-ajruplan ikun jista’ jitlaq minn Malta, dan ma telaqx immedjatament għaliex l-inġiniera tal-linja tal-ajru jridu jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa biex ikunu ċerti li l-ajruplan ikun jista’ jtir.
Wara jkunu jridu jinħarġu l-permessi mill-awtoritajiet Maltin biex l-ajruplan iħalli Malta.