Il-Qorti Suprema fir-Renju Unit iddikjarat li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson li jissospendi l-Parlament, kienet illegali.
Johnson issospenda l-Parlament għal ħames ġimgħat, iżda l-Qorti qalet li huwa ħażin u m’hemm l-ebda spjegazzjoni li tiġġustifika t-twaqqif tax-xogħol tal-Membri Parlamentari għal dan il-perjodu, speċjalment ġimgħat qabel ma suppost iseħħ Brexit fil-31 t’Ottubru li ġej.
Il-President tal-Qorti Suprema, Lady Hale, qalet li l-effett fuq id-demokrazija fundamentali kien estrem.
Hija stqarret: “The Court is bound to conclude therefore that the decision to advise Her Majesty to prologue Parliament was unlawful”.
Downing Street qalet li qed tipproċessa l-verdett.
Johnson kien argumenta li ried jissospendi l-Parlament biex jelenka l-politika ġdida li jrid imexxi l-Gvern tiegħu, iżda kritiċi qalu li dan kien biss pass biex jipprova jwaqqaf lill-Membri Parlamentari milli jkomplu bl-iskrutinju dwar il-pjani tiegħu ta’ Brexit.