Il-Qorti kkonfermat sentenza ta’ tmien snin ħabs għal raġel li kontinwament kien jistupra lil bintu, filwaqt li ordnatlu sabiex iħallas id-doppju tal-ispejjeż tal-Qorti talli fetaħ kawża mingħajr bażi.
It-tliet Imħallfin innutaw kif l-imputat huwa raġel li ma kienx preżenti fit-trobbija ta’ bintu, u meta kien involut f’ħajjitha, minflok ipproteġiha, stupraha aktar minn darba.
Għalhekk huma kkonkludew li s-sentenza tiegħu hija proporzjonata mar-reat tiegħu, u li d-drittijiet fundamentali tiegħu ma nkisrux.
Huwa kien argumenta li meta ġie interrogat mill-Pulizija huwa ma kellux avukat preżenti iżda l-Qorti sabet li l-Maġistrat li ta s-sentenza ma uża ebda parti minn l-istqarrija tiegħu mal-Pulizija biex huwa nstab ħati.
Ġie nnutat ukoll kif wara li bintu xehdet dwar dak li għamel missierha, huwa avviċinaha u qalilha biex tiċħad dak li qalet fil-Qorti.