Mhu se tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar il-klieb involuti fil-każ tal-mewt ta’ anzjana fl-Imsida t-Tnejn qabel ma ssir l-awtopsja fuq il-katavru tal-mara. Eventwalment id-deċiżjoni li għandha tittieħed dwarhom, se tkun f’idejn il-Qorti.
Hekk qal ma’ ONE News id-Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali Noel Montebello, li spjega wkoll li bħalissa l-klieb qed jiġu mħarsa minn professjonisti mid-Dipartiment stess sakemm ikun hemm żvilupp ieħor fil-każ.
L-att dwar iż-żamma u l-ħarsien tal-annimali, li ġie rivedut fl-2018, jagħti l-kontroll assolut taż-żamma tal-kelb lis-sid, mill-post ta’ fejn jinżamm, kif jitħarreġ, u anke li jieħu ħsieb li l-kelb ma jkunx ta’ periklu għal annimali oħra, jew saħansitra għall-bnedmin. Montebello spjega ma’ ONE News li n-nuqqas ta’ dan jitqies bħala reat kriminali, u s-sid ikun soġġett għal proċeduri skont il-liġi. Il-liġi tistipula wkoll x’qisien irid ikollu l-post fejn il-kelb ikun qed jinżamm.
Id-Direttur għall-ħarsien tal-annimali kien ċar meta spjega li fl-aħħar mill-aħħar, is-sid huwa fil-kontroll totali tal-kelb li qed irabbi, inkluż ma’ min jiġi f’kuntatt l-istess annimal.
F’pajjiżna fl-aħħar snin kien hemm rapporti simili ta’ klieb hekk imsejħa perikolużi, li għal xi raġuni tħallew fil-pubbliku bla superviżjoni. Każ prominenti kien każ ta’ kelb tar-razza Dogo Argentino li attakka mara ta’ sebgħin sena fl-Imsida. F’dan il-każ partikolari, is-sid kien ingħata sentenza sospiża ta’ ħabs.
Issa, spjega Montebello, iż-żewġ pitbulls involuti fl-inċident tat-Tnejn fl-Imsida, fejn anzjana ta’ 94 sena u kelb ieħor tilfu ħajjithom, qed jinżammu f’post sigur u xieraq fid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali kif inhi l-prassi. Ladarba ssir l-awtopsja fuq il-vittma, u tkun ċara l-kawża tal-mewt, jittieħdu l-passi li hemm bżonn.
Fi kliem Montebello, il-futur ta’ dawn iż-żewġt iklieb f’dan il-każ huwa kollu kemm hu f’idejn il-Qorti, anke jekk l-awtopsja tal-vittma tindika li l-gidma tal-kelb fuqha ma kinitx fatali.
B’rabta mal-istess każ, l-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati allegat fuq il-midja soċjali li kien hemm aktar minn għaxart iklieb fid-dar privata, u talbet għal spjegazzjoni dwar jekk kienx hemm illegalitajiet oħra fil-konfront tagħhom.
Ġie rrappurtat li l-Animal Welfare ġiet imsejħa diversi drabi tieħu passi kontra raġel li allegatament kien jgħammar klieb tar-razza pitbull, u kien iżommhom f’kundizzjoni miżera f’gaġeġ żgħar fuq il-bejt.
Jidher ukoll li anki l-Pulizija rċeviet diversi rapporti dwar l-inbiħ eċċessiv tal-klieb, li probabbilment kien isir frott il-kundizzjonijiet ħżiena li ġie allegat li jgħixu fihom.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/09/07/mara-tmut-wara-li-giet-attakata-minn-zewg-pitbulls-fl-imsida/