L-2020 se tkun l-ewwel sena sħiħa li fiha l-Qorti se topera bħala aġenzija, li jfisser li aktar minn qatt qabel se tkun aktar indipendenti. Dan qalu l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja Owen Bonnici meta f’konferenza tal-aħbarijiet kien qed jagħti rendikont ta’ wħud mill-miżuri mħabbra fil-Baġit 2020.
Hawnhekk il-Ministru spjega kif dan il-baġit huwa eżempju ċar tax-xogħol ta’ dan il-Gvern għat-tisħiħ demokratiku tas-soċjetà tagħna. Tkellem ukoll dwar il-proċess li għaddej fejn għandu x’jaqsam it-tisħiħ tal-Bureau għall-Irkuprar tal-Assi u s-separazzjoni tal-funzjonijiet doppji tal-Avukat Ġenerali fejn dalwaqt se jkollna l-avukat tal-istat biex b’hekk l-avukat ġenerali se jiffoka iżjed fuq kwistjonijiet kriminali.
Fit-tmien baġit ta’ Gvern Laburista tħabbar ukoll li l-Gvern qed jaħdem fuq konsultazzjoni miftuħa għal kull idea dwar Pjazza Teatru Rjal. F’dan il-kuntest il-Ministru Bonnici qal li t-Teatru Rjal kien fost l-aktar li laqat l-għajn fil-Budget, anki għaliex qed tissemma l-idea li t-teatru mibni stil Vittorjan wara nofs is-seklu dsatax jista’ jissaqqaf.
Dr. Bonnici qal li se tkun introdotta wkoll politika kulturali ġdida li se tirrifletti l-għanjiet tal-Gvern dwar it-tkabbir, aċċessibiltà u sostenibbiltà ta’ dan is-settur. Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għax-xogħlijiet kontinwi ta’ restawr li jiffurmaw parti ċentrali mill-istrateġija kulturali, speċjalment minħabba li jkomplu jsaħħu l-legat kulturali u tal-patrimonju Malti għall-ġenerazzjonijiet futuri.