Il-Qorti kompliet tisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Jesper Kristiansen, li flimkien ma’ Daniel Muka u Viktor Dragomanski qed ikun mixli bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.
F’din is-seduta il-Qorti ħatret espert sabiex jeżamina l-oġġetti tad-deheb li kienu misruqa.
Il-Prosekuzzjoni iżda talbet li jkunu eżaminati wkoll l-oġġetti li ma nsterqux u li nstabu fid-dar tal-vittmi.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba mill-familja tal-vittmi sabiex id-deheb ikun rilaxxat.
Filwaqt li l-Maġistrat talab lill-prosekuzzjoni sabiex tkun prattika u sensittiva lejn il-membri tal-familja tal-vittmi, il-prosekuzzjoni talbet biex l-akkużat jiddikjara formalment jekk hux favur jew kontra din it-talba.
Talba li sabet l-oġġezzjoni tad-Difiża, li qalet kif minn dottrina legali saljenti u prinċipji fundamentali fil-liġi kriminali, din tagħti d-dritt lill-akkużat li ma jitkellimx fl-istadji kollha tal-proċedura.
Il-Qorti ser tkun qed tiddeċiedi dwar din it-talba permezz ta’ digriet.