• Twissi dwar dak li jidher konkors ta’ għażla tal-ġudikant
Il-Qorti ma’ laqgħetx it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex jinbidel Imħallef fil-kawża li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel kontra l-awtoritajiet b’rabta mal-avviż legali li jirregola l-billboards fit-toroq.
Il-Partit Nazzjonalista lmenta għaliex skont hu fi stadju ieħor tal-proċeduri il-ġudikant għamel “pronunzjament kategoriku” li bih “il-ġustizzja żgur mhux ħa tidher li qed issir.” Għall-Partit Nazzjonalista, irrappreżentat mill-ogħla uffiċjali, huwa superfiċjali li jinstemgħu l-provi.
Fis-sentenza ntqal li l-qorti tagħraf u ma twarrabx b’ħeffa l-element tal-imparzjalità suġġettiva u dik oġġettiva tal-ġudikant li kull parti f’kawża jistħoqqilha b’jedd tippretendi li jkun jimmanifesta ruħu.
“Madanakollu, dan il-jedd m’għandux jinbidel f’għodda li bih f’kawża toħloq biżgħa li ma jkunx fondat jew okkażjoni biex wieħed jidħol f’sajda għall-ġudikant li tibdel il-proċess ġudizzjarju f’konkors għall-għażla ta’ ġudikant favorit fuq ieħor u li jwassal għal dak li bnadi oħra huwa magħruf bħala ‘forum shopping’ Dan jaf jissarraf f’abbuż tal-proċess ġudizzjarju taħt il-kappa tal-biżgħa,” tgħid is-sentenza.
F’dan il-każ l-avukat kien Jason Azzopardi, li qed jipprova jibdel ġudikanti f’sentenzi oħra.
Wara din is-sentenza kkummenta wkoll, il-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici.