Il-Qorti ċaħdet talba ta’ Melvin Theuma, li kien ammetta li kien l-intermedjarju fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, biex mir-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar impjieg li allegatament kien ingħata mal-Gvern titneħħa x-xhieda tiegħu.
Il-Maġistrat Monica Vella rrimarkat li l-proċeduri li għaddejjin quddiemha għandhom l-għan li l-provi jinġabru u jiġu ppriservati, u mhux li jittieħdu deċiżjonijiet dwarhom. Spjegat li l-proċeduri quddiemha huma intiżi biex jinġabru l-provi indikati mill-Avukat Ġenerali u mbagħad il-Qorti Kriminali tagħmel użu minnhom biex tiddeċiedi jekk l-akkużat ikunx ħati jew le.
Il-ġimgħa l-oħra, quddiem l-istess Maġistrat, Melvin Theuma għażel li ma jixhidx wara li tqajjem dubju dwar jekk il-maħfra Presidenzjali li ngħata għall-irwol tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia, tkoprix dan il-każ ukoll. Fid-dawl ta’ dan, id-Difiża dakinhar kienet talbet li dak kollu li stqarr Theuma qabel deher il-Qorti b’rabta ma’ inkjesta maġisterjali għandu jiġi irtirat.
Intant, fis-seduta tat-Tlieta, meta kienet qed twieġeb għal mistoqsija tad-Difiża, il-Pulizija qalet li Melvin Theuma ma ġiex arrestat b’rabta ma’ din il-kawża.