Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li għandha tkompli kawża li hemm fil-Qorti kontra Romeo Bone, li hu mixli bi traffikar ta’ droga.
Fi Frar ta’ sentejn ilu, Romeo Bone kien iddomina l-aħbarijiet meta kien vittma ta’ karozza bomba fl-Imsida.
Permezz tal-avukati tiegħu, Bone argumenta quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li l-akkużi kontrih f’dan il-każ kienu diġà deċiżi fit-tribunal ta’ Katanja fi Frar tal-2009 u għalhekk, bil-kawża li għaddejja f’Malta, qed ikunu mittiefsa d-drittijiet fundamentali tiegħu.
Jidher li l-akkużat flimkien ma’ diversi persuni oħra ftiehem biex tkun impurtata d-droga f’Malta.
Innutaw li tant kemm kienu ftehmu f’Malta li f’din l-assoċjazzjoni kriminali kien hemm nies li saħansitra kienu l-ħabs ta’ Kordin.
Id-droga kellha tinġieb mill-Olanda u eventwalment tasal Malta minn Katanja. Allegatament, Bone kien involut fit-trasport u x-xiri ta’ din id-droga.
Eventwalment kienu telgħu għaliha żewġ persuni oħra, ukoll magħrufa mal-pulizija, u għax il-Pulizija Maltija kienet għarrfet lil dik Taljana, id-droga kienet sostitwita b’materjal ieħor.
Kien permezz ta’ din l-operazzjoni li eventwalment Bone iffaċċja xi akkużi fit-tribunal il-Qorti.
Il-Qorti Maltija kienet qalet li l-akkużat, li kien jinsab għaddej proċeduri kriminali f’pajjiżna mal-kompliċi tiegħu dwar il-ftehim jew assoċjazzjoni bejn diversi persuni, ma rriżultax lill-Qorti f’Malta li ġie proċessat l-Italja dwar l-importazzjoni ta’ dik l-istess droga.
Saħansitra qalet li dan jirriżulta wkoll mill-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll mill-atti tat-tribunal ta’ Katanja.
Fi kliem ieħor, il-Qorti kkonkludiet li l-fatti li qed titkellem dwarhom il-Qorti f’Malta huma differenti minn dawk li Bone jgħid li hemm deċiżjoni dwarhom.
Dan, flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet oħra, wasslu biex il-Qorti ddeċidiet li l-każ f’Malta jkompli. Xi ħaġa li Bone baqa’ jipprotesta dwaru.
Il-Qorti Kostituzzjonali qieset il-każ u kkonkludiet li l-fatti u ċ-ċirkustanzi taż-żewġ proċedimenti legali m’għandhomx jitqiesu l-istess.
Għalhekk il-Qorti Kostituzzjonali tefgħet ’il barra l-appell ta’ Bone.