Il-Gvern se joħroġ l-avviż legali li jiftaħ il-kaċċa għall-gamiem wara li l-Qorti Ċivili, Prim Awla, ċaħdet talba tal-Birdlife Malta għal mandat ta’ inibizzjoni biex ma tħallix Ii din is-sena tinfetaħ il-kaċċa għall-gamiem.
F’Marzu li għadda, il-Kumitat Ornis kien irrakkommanda l-ftuħ tal-kaċċa fir-rebbiegħa kemm għall-gamiem kif ukoll għas-summien, b’limiti nazzjonali.
Wara din id-deċiżjoni, il-Birdlife Malta ħadet lill-Gvern il-Qorti u talbet mandat ta’ inibizzjoni biex il-Gvern ma jkunx jista’ joħroġ l-avviż legali biex jinfeaħ l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem.
Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef osserva li s-sitwazzjoni fir-riiward tal-popolazzjoni tal-gamiem għadha identika għal kif kienet is-sena l-oħra u ma kien hemm l-ebda bidla fiċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw id-dritt tal-Birdlife li, anki din is-sena, tressq talba għal mandat ta’ inibizzjoni biex twaqqaf il-ftuħ tal-istaġun.
Min-naħa tagħha, il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK, fi stqarrija laqgħet b’sodisfazzjon dan l-iżvilupp. Il-Federazzjoni, li anke ressqet rikors f’din il-kawża bħala rappreżentanta tal-akbar għadd ta’ kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin, qalet li tinsab sodisfatta li, għal darb’oħra, is-sewwa rrenja.
Għall-kuntrarju, il-BirdLife Malta fi stqarrija qalet li hija diżappuntata bl-eżitu tal-konklużjonijiet tal-Qorti u bil-fatt li ġiet miċħuda t-talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa. L-għaqda qalet li l-misssjoni tagħha li ġġib lil Malta konformi mad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar u ttemm il-kaċċa fir-Rebbiegħa issa ssir b’saħħitha aktar minn qatt qabel.
Fuq il-midja soċjali, il-Ministru Clint Camilleri, li fid-dekasteru tiegħu taqa’ l-kaċċa, laqa’ b’sodisfazzjon id-digriet mogħti mill-Imħallef Giovanni Grixti.
“L-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema jiftaħ mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali sat-30 ta’ April, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, bi kwota nazzjonali ta’ 1,500 gamiema. M’hemmx kwoti individwali,” fakkar il-MInistru.
Huwa fakkar ukoll li kull gamiema li tiġi kkaċċjata għandha tiġi rrappurtata immedjatament u kull min joħroġ għall-kaċċa u ma jaqbad xejn għandu jirrapporta l-hunting effort, kif spjegat fil-Liċenzja Speċjali.
Il-Ministru għal Għawdex għamilha ċara li mhu se jiġi ittollerat l-ebda abbuż, u rrimarka li kwalunkwe abbuż jista’ iwassal biex ikun hemm konsegwenzi fuq din il-prattika.