Il-Qorti ma laqgħetx il-mandat ta inibizzjoni imressaq mill-plejer ta’ San Ġiljan ASC Ben Plumpton fil-konfront tal-ASA biex b’hekk is-sospensjoni ta’ tnax -il logħba mhux ser tinbidel.
Plumpton fetaħ din il-kawża ftit tal-ġimgħat ilu fejn permezz tagħha kien qed jopponi s-sospensjoni ta’ tnax-il logħba li kien weħel mill-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-ASA b’rabta ma’ inċident li kien involut fih waqt il-logħba mill-kampjonat tas-sajf tal-Waterpolo bejn San Ġiljan u Sliema.
Fid-digriet tagħha llum il-Qorti qalet li filwaqt li huwa ċar li ż-żewġ partijiet mhux jaqblu dwar kif aġġixxa l-Bord tal-Appelli tal-ASA dwar il-każ Plumpton, tqis ukoll li l-plejer ma weriex kif is-sospensjoni fiha innifisha kienet se ssarraf fi preġudizzjonu rrimedjabbli għalih.
Fil-kunsiderazzjonijiet magħmula il-Qorti waslet għall-fehma li Plumpton ma weriex li jeżistu tabilħaqq l-elementi mitluba mil-liġi biex it-talba tiegħu tista’ tintlaqa’.
Intant fi stqarrija l-klabb ta’ San Ġiljan qal li filwaqt li ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Qorti, jirrispettaha. Għall-klabb ġiljaniż dan il-każ issa hu kapitlu magħluq u se jkunu qed jiffukaw fuq il-kompetizzjonijiet tal-waterpolo lokali.
Id-digriet tal-Qorti: