Raġel li għamel snin jgħix ma’ mara f ’dar Ħaż-Żabbar ma ġabhiex żewġ meta mar il-Qorti jitlob il-flus għal spejjeż li seta’ għamel fi żmien li kien jgħix magħha f ’din ir-residenza.
F’din ir-residenza, li hi tal-mara, illum qed jitrabbew ukoll uliedu. Iżda, ir-raġel ħass li għandu jmur il-Qorti jitlob għal madwar €12,000 fi spejjeż li llum qed jitgawdew minn dik li kienet is-sieħba tiegħu.
F’sentenza tal-Imħallef Joseph R Micallef il-Qorti qalet li meta rat il-provi ħareġ ċar li r-raġel kien ta sehmu fil-fond għaliex kien f ’relazzjoni li minnha kellu l-ulied u ried jagħmel dan il-post wieħed komdu biex jgħixu fih.
“Ma jidhirx li wettaq il-ħlasijiet fid-dar kontra r-rieda tiegħu,” qalet il-Qorti fis-sentenza tagħha u żiedet li m’hemmx dubju li r-raġel kien marbut, tal-inqas għal uliedu, li jipprovdi bil-mezzi tiegħu post xieraq fejn dawn setgħu jgħixu.
Iktar u iktar meta l-omm “twaqqfet” milli tkompli taħdem biex tieħu ħsiebhom.
Il-Qorti fakkret ukoll kif mill-infiq li għamel gawda hu stess meta kien jgħix fil-post.
Finalment il-Qorti qalet li la qatt kien hemm kuntratt u lanqas xi ftehim li kien se jitħallas ta’ dak li jagħmel. Għax jekk ried jitħallas kellu jiftiehem dan meta għamel ix-xogħol.
Għalhekk, il-Qorti tefgħet il-każ tiegħu ’l barra.