Il-Paloma Hotel f’San Pawl il-Baħar mhux ser tkun qed tagħlaq il-bibien għalkemm l-Awtorità tas-Saħħa sabitha fi stat deplorevoli u ta’ emerġenza għas-saħħa pubblika.
Dan wara li l-Qorti iddeċidiet li ma tagħlaqhiex iżda wissiet biss sabiex isir ix-xogħol neċessarju sabiex is-saħħa pubblika ma titpoġġiex riskju bil-qagħda tal-lukanda.
L-awtoritajiet tas-saħħa u l-pulizija kienu għamlu spezzjoni fuq il-propjetà fis-26 t’Awissu u sabu l-fuq minn mitt persuna jgħixu f’ambjent ħażin ħafna. Minnufih dawn ġew żgumbrati milli jużaw il-lukanda.
L-awtorità tas-saħħa kienet uriet ir-rieda li tagħlaq il-lukanda għal kollox minħabba n-nuqqas ta’ iġene, n-nuqqas ta’ elettriku, nuqqas ta’ lift u saħansitra sodod imkissrin. Dan filwaqt li l-ħaddiema kienu ta’ spiss ma jitħallsux.