Anke jekk f ’pajjiż ċkejken u qed nitkellmu fuq bniedem b’diversi relazzjonijiet b’ulied minnhom, il-Qorti Maltija kellha tiddeċiedi f ’kawża ta’ paternità mingħajr ma rat lill-missier għax tul il-proċeduri baqa’ ma nstabx minkejja d-diversi sforzi tal-Qorti. Dan kien irrapurtat fil-gazzetta Kullħadd.
L-omm xehdet fil-Qorti u spjegat kif dan ir-raġel Ingliż iltaqgħet miegħu fl-1999 f ’diskoteka u wara xahar u nofs joħorġu flimkien ħarġet tqila. Spjegat kif meta ħarġet tqila kienet marret għand il-missier u dan qalilha: “I do not want to know. It’s your business.” Fil-fatt l-unika ħaġa li interessah kien li joffrilha xi flus biex tagħmel abort, għalkemm iktar tard kien mar għall-magħmudija tat-tifla wara li kien qalilha biex tavżah meta tkun waslet.
Fl-ewwel sitt xhur mit-twelid tat-tarbija ġieli kien raha iżda qatt ma ħallas manteniment u eventwalment ma żammx kuntatt bejnu u bejn it-tifla. Xi erba’ snin wara t-twelid kien mar jara lill-bintu ma’ sieħba li kellu u hi qalet li kienet disposta tħalliha tarah jekk kemm-il darba jrid. Iżda, eventwalment kien reġa’ sparixxa minn ħajjet it-tifla.
Fil-Qorti xehdet omm il-barrani li qalet li taf li kellu tifla li ma kienx irrikonoxxa u għandu erbat itfal minn relazzjonijiet oħra, tlieta mill-istess mara u wild ieħor minn mara oħra. Spjegat li llum għandu 36 sena u ma jgħixx magħha. Fil-fatt għal xi żmien kien jgħix ma’ missieru, però m’għadux jgħix miegħu.
Il-Qorti għamlet l-almu tagħha biex ir-raġel jitla’ jixhed. Intalbu jixhdu uffiċjali ta’ Jobs+ biex jaraw fejn kien qed jaħdem l-aħħar u marixxalli marru fl-indirizz li kien indikat. Il-marixxalli sabu mara li qalet li ma tafx fejn kien. Darba minnhom din il-mara qalet li jekk “taċċetta l-karta għalih tista’ tispiċċa vittma ta’ vjolenza min-naħa tiegħu.” Eventwalment ittieħdu testijiet tad-DNA minn qraba tar-raġel li qatt ma deher il-Qorti u dan qabel mad-DNA tat-tifla.
Għalhekk il-Qorti ddikjarat li dan hu l-missier.