Kumpanija tal-assigurazzjoni ġiet ordnata tħallas madwar €15,000 lil Redent u Jacqueline Briffa, wara li l-Qorti ma laqgħetx l-allegazzjonijiet tagħha li l-koppja ħolqot inċident tat-traffiku apposta biex tiffroda lill-kumpanija.
Il-każ seħħ f’Mejju tal-2008 meta r-raġel kien qed isuq f’Ħaż-Żabbar u ħabat ma’ trakk tal-ġebel li kien ħiereġ b’lura minn sqaq. Mad-daqqa waqa’ xi ġebel mit-trakk li kawża tiegħu l-karozza ġarrbet mal-€15,000 fi ħsarat.
Il-kumpanija tal-assigurazzjoni Fogg argumentat li ż-żewġ partijiet involuti fl-inċident kellhom ftehim bejniethom biex ħolqu l-inċident apposta. Iżda l-Qorti nnotat li dawn l-akkużi ma kellhomx provi, u l-kumpanija ma pprovatx li l-ħsarat li ġarrbet il-karozza ma kinux riżultat tal-ħabta.
Għaldaqstant, wara li s-servejer iddikjara li l-ħsara tal-karozza tant hija kbira li ma tistax tissewwa, il-Qorti ordnat lill-kumpanija tħallas €14,675 erbatax lill-koppja filwaqt li huma jagħtuha l-karozza mkissra.