Minkejja li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjona b’mod fondat għall-ħelsien proviżorju ta’ Yorgen Fenech, il-Qorti Kriminali qalet, fid-digriet li tat dalgħodu, li l-garanziji mressqin mill-akkużat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jagħtuha s-serħan tal-moħħ.
Dan ingħad fi stqarrija mill-Gvern biex jiġu ċċarati kummenti msejsa fuq argumenti politiċi, mingħajr bażi fattwali, loġika u legali wara d-deċiżjoni tal-Imħallef Edwina Grima.
Il-Gvern tenna li, b’referenza għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech, li jinsab akkużat li kien il-mandant fl-omiċidju fl-2017, jirriżulta b’mod ċar minn analiżi tal-proċeduri l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjona għat-talbiet ta’ ħelsien mill-arrest.
Iżda l-Qorti Kriminali, waqt li rrikonoxxiet li l-oġġezzjonijiet tal-Avukat Ġenerali kienu ben fondati, il-garanziji li ressaq l-akkużat kienu ferm sodi biex Fenech jimxi mad-digriet tagħha.
Il-Gvern kompla li l-prosekuzzjoni hi lesta għal ġuri, li għad irid jiġi appuntat mill-Imħallef responsabbli, kif isir f’kull każ.