Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell ta’ Yorgen Fenech dwar deċiżjoni tal-Qorti li ddikjarat li d-drittjiet fundamentali tal-imputat ma kinux qed jinkisru billi baqa’ jinżamm arrestat.
Din id-deċiżjoni tal-Qorti ngħatat f’April. Madankollu Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, appella minn din id-deċiżjoni permess tal-avukati tiegħu.
Il-Qorti mmexxija mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajao u Anthony Ellul, sostniet li d-deċiżjonijiet tal-Qorti li permezz tagħhom ġew miċħuda t-talbiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech, kienu studjati u mgħarbla sew. Dan filwaqt li ttieħdu inkonjizzjoni żviluppi li ħarġu mill-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Fenech.
Fost affarijiet oħra, il-Qorti ġġustifikat il-biża tal-intralċ tal-provi li ttieħdet inkunsiderazzjoni meta ġew miċħuda t-talbiet għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech. Dan hekk kif ġie rrimarkat li instab ritratt tal-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma fil-mowbajl ta’ Fenech; ritratt li Fenech innifsu ma tax spjegazzjoni dwar kif spiċċa fil-pussess tiegħu.
Il-Qorti sabet ukoll biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-biża’ li l-imputat jista’ jaħrab mill-pajjiż.
Dan hekk kif kellu wkoll kontijiet bankarji barra minn xtutna u saħansitra barra l-Unjoni Ewropea; kontijiet li ma kinux suġġetti għal ordni ta’ ffriżar. Ġie nnutat ukoll kif l-evidenza turi li qraba ta’ Fenech kienu lesti biex jgħinuh jaħrab mill-pajjiż.
B’hekk, l-appell ta’ Fenech ġie miċħud filwaqt li ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-Qorti.