Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet li l-għaqda Repubblika sofriet ksur tad-drittijiet tagħha għal smigħ xieraq meta l-maġistrat Nadine Lia ma rrikużatx ruħha mis-smigħ ta’ proċeduri li Repubblika ressqet b’rabta mal-każ tal-bank Pilatus.
L-għaqda Repubblika, immexxija minn ħu l-esponent ewlieni tal-establishment Nazzjonalista Karol Aquilina, Robert Aquilina, kienet appellat minn sentenza li tat il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili Sede Kostituzzjonali f’Jannar li għadda, li fiha qatgħetha li Repubblika ma kellha l-ebda interess ġuridku fil-każ. Il-Qorti qalet ukoll li Repubblika ma kellhiex stat ta’ vittma f’dan il-każ.
Fis-sentenza tal-lum, il-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, u magħmula wkoll mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, qalet li minħabba li l-proċeduri li ressqet Repubblika ma kellhomx x’jaqsmu mad-drittijiet jew l-obbligi ċivili tagħha, Repubblika ma setgħetx tilmenta li sofriet ksur jew ksur potenzjali tad-dritt tagħha għal smigħ ġust.
Quddiem din id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, l-għaqda R epubblikaqalet li hija ddiżappuntata u, għaldaqstant, se tieħu dan il-każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.