Il-Qorti Kostituzzjonali iddikjarat li kien hemm ksur ta’ drittijiet fundamentali f’każ fejn akkużat ma tħalliex jieħu l-każ tiegħu quddiem il-Qorti tad-Droga. Hu ma tħalliex jagħmel dan minħabba kwistjoni proċedurali għax il-każ tiegħu kien qed jinstema’ fi stadju ta’ appell.
Preżentament, il-liġi tipprovdi li meta persuna titressaq b’reat kontra l-liġi tad-droga, fuq talba tal-akkużat, u jekk jissodisfa ċertu kriterji, il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Kriminali tista’ tassumi l-irwol ta’ Qorti ta’ Droga. Iżda, dan ma setax jiġri fi stadju ta’ appell.
B’hekk skont din id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, li tfisser li għandu jkun hemm bidla fil-liġi, akkużat għandu jingħata l-istess fakulta li jkollu meta jkun qed jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Anke għax il-pieni quddiem il-qorti tad-droga huma differenti mill-pieni quddiem il-qrati l-oħra.
Mario Zammit, li rebaħ il-kawża kostituzzjonali, li hija l-ewwel tax-xorti tagħha, tressaq il-Qorti fl-elfejn u erbgħa akkużat b’reati ta’ traffikar u pusses tad-droga kif ukoll illi kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja.
Zammit permezz tal-Avukati tiegħu Veronique Dalli u Dean Hili argumenta li nħoloq preġudizzju għaliex il-liġi msemmija taħseb għal piena differenti għar-reat li għalih huwa ġie akkużat meta persuna tiġi ġġudikata wara l-din il-liġi ddaħlet fis-seħħ.
Il-Qorti Kostituzzjonali ppreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-imħalfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri osservat illi min bħal Mario Zammit kien tressaq quddiem il-Qrati Kriminali akkużat b’reati konnessi mad-droga u l-proċeduri għadhom pendenti, jista’ f’ċertu ċirkustanzi jibbenifika minn trattament u piena anqas.
B’hekk il-benefiċju li tagħti dik il-liġi għandu japplika ukoll favurih.