Il-Qorti żidet il-multa ta’ Vincenzo Brancaccio, Taljan ta’ 48 sena li joqgħod San Ġiljan b’€4,000. Dan wara li l-Qorti tal-Appell laqgħet ir-rikors tal-appell tal-Avukat Ġenerali. Dan wara li Brancaccio, f’Settembru tal-2016 instab ħati li hedded żewġ Pulizija wara li ordnawlu jitfi l-mużika fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
F’din is-sentenza l-Qorti kkundannat lil Vincenzo sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €1,000. Fil-Qorti tal-appell intqal li l-Avukat Ġenerali kellu raġun meta talab żieda fil-piena tal-akkużat dan għaliex il-multa li ġie ordnat iħallas kienet anqas minn dik ikkontemplata fil-liġi għar-reati li nstab ħati tagħhom it-Taljan.
Dan hekk kif Brancaccio li kien jaħdem bħala maniġer ta’ stabbiliment tax-xorb ġie ordnat jitfi l-mużika fil-5.30 hekk kif il-permess tal-istabbiliment kien li jibqa’ miftuħ sal-4 ta’ filgħodu.
Meta l-Pulizija rċeviet rapport ta’ mużika għolja marru fuq il-post meta l-imputat hedded, attakk surġent tal-Pulizija, kissirlu n-nuċċali u l-mowbajl u imbuttah. L-imputat hedded ukoll li joqtolhom.