Il-Qorti ddikjarat li, fl-aħħar affidavit ippreżentat nhar it-Tnejn li għadda, l-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet Jeremy Harbinson qal ħafna affarijiet żbaljati, waqt li tenniet li mhux se jsiru aktar xhieda fil-kawża relatata qabel issir ix-xhieda tiegħu.
F’Awla 22, quddiem l-Imħallef Edwina Grima, l-Erbgħa filgħodu suppost tkompliet ix-xhieda tal-esperti fl-inkjesta tal-isptarijiet.
Madankollu, il-pjani sfaxxaw fix-xejn wara li l-Irlandiż Harbinson kien bagħat affidavit b’imejl fejn iddikjara li qatt mhu se jiġi lura Malta u li mhux disponibbli biex ikun involut fl-ebda proċeduri li għaddejjin fil-Qorti fuq il-bażi tar-rapport li, fi kliemu stess, hu kkordina x-xogħol kollu fuqu.
Minkejja dan, l-Imħallef Grima saħqet li, minbarra li l-affidavit mibgħut mill-avukati ta’ Harbinson kien fih affarijiet żbaljati, l-unika soluzzjoni li tista’ tiġi kkunsidrata f’dan l-istadju hi li Harbinson jibgħat l-affidavit bil-mod oriġinali tagħha kif inhu mitlub mil-liġi Maltija.
Fis-seduta kien imiss ukoll lill-esperta Serba Miroslava Milenovic biex tixhed b’rabta mal-każ, li jikkonċerna lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, fost l-oħrajn, iżda l-avukati tad-Difiża saħqu li m’għandha titkompla l-ebda xhieda qabel b’xi mod jew ieħor tinstema’ dik tal-istess Harbinson.
U dan għax l-istess Milenovic ibbażat ċerti konklużjonijiet fuq Harbinson.
Id-Difiża sostniet li hu inaċċettabbli li espert tal-Qorti li ma jridx jitla’ jixhed u jibqa’ r-Renju Unit, filwaqt li ħaddiħeor għandu taħt rasu ordni ta’ ffriżar ta’ miljun t’ewro.
Fid-digriet tagħha, l-Imħallef Grima kkonkludiet li, wara li rċeviet il-korrispondenza minn avukati fir-Renju Unit li qed jiddikjaraw li jirrappreżentaw lil Harbinson, l-affidavit hu biss kopja u mhux oriġinali.
Il-Qorti ordnat lill-espert, li tħallas €11-il miljun għax-xogħol tiegħu u tat-tim tiegħu l-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella, biex jippreżenta l-affidavit fil-forma oriġinali tiegħu.
Fl-istess ħin ġidbet l-attenzjoni lill-espert li l-proċeduri f’dawn il-qrati huma regolati fil-liġi Maltija u mhux dawk tar-Renju Unit u għalhekk irid joqgħod għal dak li tgħid il-liġi Maltija.
Sostniet li r-rapport imħejji minn Harbinson u mill-esperti l-oħrajn jifforma parti mill-provi ta’ dan il-każ u, allura, skont l-istess liġi Maltija hu jista’ jissejjaħ kull ħin bħala xhud biex jikkonferma r-rapport tiegħu stess u jsirlu kontroeżami tad-difiża, kif stabbilit mhux biss mil-liġi Maltija, imma wkoll dik Ewropea u internazzjonali.