Raġel li l-każ tiegħu b’rabta ma’ vjolenza domestika kien qed jinstema l-Qorti aggredixxa Spettur tal-Pulizija u żewġ Kuntistabbli oħra bejn il-ħitan tal-Qorti stess. Din mhux l-ewwel darba li r-raġel tressaq il-Qorti fuq l-istess akkużi.
Mill-informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li r-raġel mhux biss ta xebgħa lill-Pulizija hekk kif beda jinsultahom ukoll. Ir-raġel qed jinżamm arrestat fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta hekk kif l-Ispettur tal-Pulizija qed isofri minn xi ġrieħi wara li ġie aggredit mir-raġel.
Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Ispettur Sandro Camilleri, tal-Police Officer Union, li fil-kummenti tiegħu tkellem dwar l-arroganza u l-vjolenza kontra l-membri tal-korp ta’ kuljum.
“Nikkonferma li l-Ispettur Hubert Ċini u ż-żewġ kuntistabbli ġew aggrediti fil-bini tal-Qorti minn bniedem li kien imressaq il-Qorti. F’ħin minnhom l-istess bniedem ħebb għall-Pulizija li ftit wara ġie ċċertifikat medikament li qed isofri minn ġrieħi,” spjega l-Ispettur.
Fid-dawl ta’ dan il-każ, għal darb oħra il-Police Officers Union saħqet dwar pieni ta’ priġunerija għal min jattakka membri tal-korp.