Fis-sigħat li ġejjin, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Myriam Hayman se tiddeċiedi dwar mandat ta’ inibizzjoni li ressaq fil-qorti Yorgen Fenech biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jkomplix immexxi l-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara ġimgħa interrogat, in-negozjant Yorgen Fenech ilmenta li ma jridx lill-Ispettur Arnaud jkompli bl-investigazzjonijiet.
L-Avukat fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg staqsiet f’liema pajjiż min jiġi investigat, jagħżel hu min jinvestigah?
Qalet li huwa obbligu tal-pulizija li Spettur ifakkar lil min jiġi investigat li hija responsabilità tagħhom li jgħidu l-verità.
L-Avukat Buttigieg wieġbet ghall-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-mara tal-ispettur Arnaud. Għamlet referenza għall-istqarrija ta’ Infrastruttura Malta li qalet mart Keith Arnaud ingħata impjieg wara proċess ta’ għażla li sar wara sejħa pubblika.
Dr Buttigieg qalet li l-ispettur Keith Arnaud huwa l-investigatur ewlieni fil-każ u ħadem mal-FBI u l-Europol.
Intant l-Avukat ta’ Fenech, Marion Camilleri mill-uffiċċju ta’ Franco Debono, qalet li mal-klijent tagħha ma tistax issir ġustizzja minħabba li skont hi l-Ispettur Arnaud għandu rabtiet ma’ Keith Schembri.
Schembri lbieraħ ġie rilaxxat wara li l-pulizija sostniet li ma hemmx ħtieġa li s-Sur Schembri jinżamm aktar taħt arrest.
Hija allegat li dan l-Ispettur talab impjieg għal martu u din ingħatat l-impjieg.
L-Avukat Marion Camilleri allegat ukoll li Keith Schembri kien qiegħed jagħti informazzjoni lil Fenech, bi Schembri qal lil Fenech li qed iġibha mingħand l-Ispettur Keith Arnaud.
Hija allegat li għandhom recordings, ittra, kuntratt tax-xogħol u ritratti ta’ Keith Schembri bħala provi.
Allegaw li hemm ritratt ta’ Melvin Theuma jitgħannaq ma’ Keith Schembri f’Kastillja u li Schembri qabadhom sabiex jagħmlu l-qtil.
Allegaw ukoll li hemm it-tabib Adrian Vella li kien iwassal messaġġi bejn Schembri u Fenech.
Preżenti fl-awla kien hemm id-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.